Il-missjoni tal-uffiċċji ta’ kollegament

L-EPLOs huma responsabbli għall-implimentazzjoni lokali tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni istituzzjonali, bl-għan aħħari li jagħmlu lin-nies aktar konxji mill-impatt tal-Parlament Ewropew fuq ħajjithom ta’ kuljum u li jippromwovu l-involviment tagħhom fil-proċess demokratiku Ewropew.

L-uffiċċji jaħdmu maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati, jieħdu ħsieb il-kuntatti mal-midja nazzjonali, reġjonali u lokali, u jipprovdu appoġġ lill-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) fl-eżerċizzju tal-mandati uffiċjali tagħhom fl-Istati Membri.

Ħidma maċ-ċittadini

L-EPLOs jaħdmu mal-popolazzjoni lokali u jagħmluha aktar konxja minn x’inhu l-Parlament Ewropew, x’jagħmel u x’jirrappreżenta, kif ukoll milll-impatt li d-deliberazzjonijiet tiegħu għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

Dan jagħmluh billi:

  • jibnu, irawmu u janimaw network ta’ ċittadini interessati;
  • jagħmlu kampanji ta’ komunikazzjoni, jorganizzaw avvenimenti u jtellgħu wirjiet;
  • jippromwovu dibattitu dwar suġġetti ta’ attwalità indirizzati fil-livell tal-UE, fil-kuntest tal-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fid-demokrazija parlamentari Ewropea;
  • jikkomunikaw dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew u jirrispondu għat-talbiet għal informazzjoni.

Ħidma mal-partijiet ikkonċernati u mal-multiplikaturi

Il-partijiet ikkonċernati jinkludu awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, gruppi tas-soċjetà ċivili, networks, assoċjazzjonijiet, għalliema, skejjel, universitajiet, gruppi ta’ riflessjoni, organizzazzjonijiet settorjali, korpi tal-UE, eċċ. L-EPLOs jiżviluppaw u jrawmu relazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati strateġiċi.

Dan jagħmluh billi:

  • jippromwovu dibattiti dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea u dwar il-ħidma leġiżlattiva tal-Membri;
  • jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati jirċievu informazzjoni mmirata apposta lejhom dwar oqsma li jolqtuhom speċifikament;
  • jaħdmu mal-għalliema u mal-organizzazzjonijiet akkademiċi u jipprovdulhom riżorsi edukattivi;
  • jinvolvuhom u joffrulhom l-appoġġ tagħhom f’attivitajiet relatati mal-promozzjoni tal-valuri tal-UE u d-demokrazija;
  • jaħdmu mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri.

Ħidma mal-midja

B’mod proattiv, l-EPLOs iwasslu l-aħbarijiet, id-dibattiti u d-deċiżjonijiet tal-UE lill-midja nazzjonali, reġjonali, lokali u speċjalizzata.

Dan jagħmluh billi:

  • jassistu lill-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom u jagħmluhom konxji mill-impatt tal-kwistjonijiet Ewropej;
  • jorganizzaw seminars għall-ġurnalisti u jistednuhom ikopru l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew;
  • joħolqu opportunitajiet medjatiċi għall-MPE fil-midja nazzjonali, reġjonali, lokali u speċjalizzata;
  • jieħdu nota tal-ineżattezzi u tal-aħbarijiet qarrieqa dwar il-Parlament Ewropew, u jirribattuhom.

Kompiti oħrajn

  • jipprovdu appoġġ għaż-żjarat minn MPE li jkollhom rwol istituzzjonali u lid-delegazzjonijiet parlamentari u lill-missjonijiet uffiċjali;
  • jikkooperaw mar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u maċ-ċentri ta’ informazzjoni Europe Direct.

flimkien.eu

Nies bħalek qed jinvolvu ruħhom biex jieħdu azzjoni għal futur aħjar. Jew billi tinvolvi ruħek fil-proċess politiku jew billi tgħin fil-promozzjoni tal-importanza tal-votazzjoni, ingħaqad mal-komunità. Semma' leħnek dwar l-Ewropa!

Ingħaqad mal-komunità! Ingħaqad mal-komunità!

Dwar il-Parlament

Il-Parlament Ewropew huwa forum importanti għad-dibattitu politiku u għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma eletti direttament mill-votanti fl-Istati Membri kollha biex jirrappreżentaw l-interessi tan-nies.

Mur fis-sit web Mur fis-sit web: Dwar il-Parlament

Skopri l-offerta tal-Parlament Ewropew għaż-żgħażagħ

Tixtieq tiltaqa' ma' nies ġodda, tivvjaġġa u jkollok esperjenzi ġodda? Għandek idea li tista' tbiddel l-Ewropa, jew sempliċiment tixtieq titgħallem aktar dwar kif taħdem id-demokrazija Ewropea? Hu x'inhu li qed tfittex, hemm xi ħaġa għalik li qed tiġri fil-Parlament Ewropew - u kulħadd huwa mistieden. 
 

Mur fis-sit web Mur fis-sit web: Youth Hub

X’qed tagħmel għalija l-Ewropa

L-Ewropa kif taffettwalna ħajjitna ta’ kuljum? Kif tħalli impatt fuq l-impjiegi tagħna, il-familji tagħna, il-kura tas-saħħa tagħna, is-sigurtà tagħna, l-għażliet tagħna bħala konsumaturi u d-drittijiet soċjali tagħna? Skopri l-impatt pożittiv tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun tiegħek u fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek. 

Mur fis-sit web Mur fis-sit web: X’qed tagħmel għalija l-Ewropa